Dħul  |  Il-Ħamrun  |  Il-Kunsill  Siti Oħra  |  Kuntatt
.
.
   

Merħba fis-sit uffiċjali tal-Kunsill Lokali Ħamrun.

Kunsill HamrunF’dan is-sit tistaw issibu diversi informazzjoni dwar il-Ħamrun u dak kollu li jagħmel il-Ħamrun. Hekk ukoll ħa ssibu informazzjoni dwar ix-xogħol li jkun qed iwettaq il-Kunsill Lokali Ħamrun fil-lokal tagħna. Il-ħsieb tagħna hu li din l-informazzjoni tkompli tikber maż-żmien biex l-storja tal-lokal tagħna tkun aktar aċċessibli u magħrufa.


Il-Kunsill Lokali Ħamrun jixtieq iħeġġeġ ukoll, biex min għandu aktar informazzjoni dwar il-Ħamrun jew ritratti li jixtieq li jkun f’dan is-sit jista jikkuntatjana biex b’hekk ikunu jistgħaw jitgawdew minn kullħadd.


Ġieħ il-Ħamrun 2010 - Mrs Rose Attard
Is-Sinjorina Rose Mary Attard twieldet fit-3 ta’ Jannar 1950 u ħadet l-edukazzjoni tagħha fl-iskola Primarja u l-iskola Sekondarja Maria Assumpta, ġewwa l-Ħamrun.

Hija ħadmet għal 33 sena bħala‘Executive Secretary’ f’Lukanda.

Matul is-snin hija ħadmet ħafna fil-qasam tal-volontarjat fejn mill-1979 serviet ta’ Segretarja Parrokkjali mad-diversi Kappillani tal-Parroċċa San Gejtanu. Barra mix-xogħol normali tal-uffiċċju hija tikkordina kull attivita` li ssir fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Gejtanu.

Rose, kif inhi aktar magħrufa mal-Ħamruniżi, ilha sa mill-1958 membru fil-Legion of Mary u ilha mill-2008 Presidenta. Hija wkoll Segretarja fil-Kummissjoni Liturġija Parrokkjali, membru fil-Kummissjoni Implimentazzjoni tas-Sinodu u membru fil-Kunsill Pastorali.

Matul dawn is-snin, Rose Mary ħadmet dejjem għal ġid tal-Parroċċa tal-Ħamrun biex dejjem tinżamm l-għaqda u l-paċi fil-komunita`.

Ġnien iehor mill-isbaħ ġewwa l-Ħamrun
Nhar it-Tnejn 24 ta’ Mejju l-Kunsill Lokali Ħamrun f’okkażjoni sabiħa ġie nawguraw il-proġett ta’ tigdid tal-ġnien Oreste kirkop. Ġnien iehor mill-isbaħ ġewwa l-Ħamrun.

Il-Kunsill Lokali Ħamrun issottometta applikazzjoni ta’ żvilupp lill-MEPA sabiex isir tisbiħ ta’ Ġnien Oreste Kirkop li jinsab fi Triq Turu Lentini kantuniera ma’ Triq Danny Cremona, Ħamrun. Fi Frar tal-2009, il-MEPA approvat l-applikazzjoni għal dan il-proġett.

Ix-xogħol ta’ tisbiħ propost involva l-kostruzzjoni tal-ġnien mill-ġdid, installazzjoni ta’ dwal, bankijiet u litter bins ġodda, gazeebo, siġar u arbuxelli kif ukoll struttura bl-ilma. Ittieħdu miżuri ukoll biex il-ġnien ikun aċċessibbli għal kulħadd inklużi persuni bi bżonnijiet speċjali.

Il-proġett sewa ‘l fuq minn €100,000.00. Il-MEPA taħt l-iskema tal-UIF qed tiffinanzja €71,279.33 mill-proġett filwaqt li l-kumplament inħarġu mill-fondi tal-Kunsill.

L-Kunsill jawgura li dan il-ġnien jitgawda mir-residenti u persuni li jżuru l-lokal u jappella biex kulħadd jgħatti sehmu sabiex jitrażżen l-element sfortunat ta’ vandaliżmu.
 


Konkors poezija ghat tfal
L-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni Ħamrun, tixtieq tħabbar li qiegħda torganizza 2 konkorsi ta’ poeżija għat-tfal, waħda għal tfal taħt l-għaxar (10) snin u l-oħra għal tfal taħt is-sittax (16) –il sena. It-tema tal-poeżija hija IL-MADONNA.

Poeżiji fi kwalunkwe forma bil-lingwa Maltija jistgħu jintbagħtu f’dan l-indirizz: Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni, 5, Pjazza Kappillan Muscat, Hamrun sa l-għoxrin (20) t’April 2010. Iridu jintbagħtu 3 kopji minn kull poeżija (fl-istess envelope). Kull awtur jista’ jibgħat sa 3 poeżiji li jridu jkunu iffirmati b’nome de plume. F’envelope separat irid jintbaghat l-isem ta’ l-awtur, l-isem tal-poeżija, in-nome de plume , l-eta’ , indirizz postali u indirizz eletroniku (jekk ghandek).

Jingħataw premjijiet lir-rebbieħa f’kull kategorija u ċertifikat ta’ parteċipazzjoni lil kulħadd.
Aktar informazzjoni fuq www.bandakuncizzjoni.com jew info@bandakuncizzjoni.com


Il-Kunsill Lokali tal-Ħamrun ippremjat bil-Golden Star Award tal-UE
Il-Kunsill Lokali tal-Ħamrun ġie mogħni bil-Golden Star Award għall-aqwa proġett fuq skala internazzjonali fl-Unjoni Ewropea. Dan il-premju huwa parti integranti fi ħdan l-iskema Ewropa għaċ-Ċittadini, għall-aqwa inizjattiva mtella’ fil-programm Action1 - Measure 1.1 fil-qasam tat-Town Twinning Citizen’s Meeting.
 


Dan ir-rikonoxximent, l-aktar wieħed prestiġjuz fil-kategorija tiegħu, jingħata mill-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea lill-għaqdiet reġjonali u lokali fl-Ewropa għall-ħidma tagħhom għall-iżvilupp, it-tkabbir u t-tisħiħ tas-soċjetŕ fl-oqsma soċjali u dawk kulturali.

Il-Kunsill Lokali Ħamrun rebaħ dan il-premju fost il-pajjiżi kollha l-Unjoni Ewropea permezz tal-Ġemellaġġ li sar bejn il-Ħamrun u l-Muniċipju ta’ Carpineto Romano fl-Italja, lura f’Marzu. Dan il-ftehim bejn iż-żewġt’ibliet wassal sabiex jkun possibbli illi f’Mejju 2009, jkun jista’ jinżamm fil-Ħamrun il-festival annwali, magħruf bħala l-Palio della Carriera li jsir f’din il-belt qrib Ruma.

Iċ-ċerimonja tal-preżentazzjoni tal-unur inżammet matul il-jum tal-Erbgħa, 16 ta’ Diċembru f’Brussell. Għall din il-preżentazzjoni attendew f’isem il-Kunsill Lokali Ħamrun is-Sindku Vince Bonello, il-Viċi Sindku Christian Sammut, il-Kunsilliera Carmen Borg, Mario Caruana u Cedric Valletta flimkien mas-Segretarju Eżekuttiv Philip Massa. Attendew ukoll il-kumitat organizzattiv magħmul min Omar Bugeja, Marija Borg Mifsud, Renč Monseigneur u Joe C. Cordina, fejn dawn kollha kellhom l-opportunitŕ jippreżentaw u jiddiskutu il-proġetti mtella’ kif ukoll jesponu l-opportunitajiet u l-inzjattivi ġejjiena. Preżenti kien hemm ukoll is-Sindku, Quirino Briganti u l-assessur għall-Kultura, Matteo Battisti tal-belt ta’ Carpineto Romano.

Dan il-premju huwa l-isbaħ ċertifikat u xhud tal-ħidma u tas-suċċess li kiseb dan il-Gemellagg u jawgura tajjeb għall-ġejjieni b’aktar attivitajiet ta’ din x-xorta. Il-Kunsill Lokali Ħamrun jixtieq jirringrazzja lill kull minn għen biex dan is-suċċess jinkiseb.

Unur min żagħżauħ Ħamruniż


Ftit tal-ġimgħat ilu, Johann Debono li joqgħod il-Ħamrun rebaħ unur fil-potografija fl-Annual Exhibition organizzata mill- Malta Photographic Society. Filfatt hu kien ir-rebbieħ bil-Gold Award u l-Cannon Trophy b’xogħol fotografiku li jġib l-isem “Left Out”. Johann ġie ukoll ikreditat bl- ’acceptance’ f’kompetizzjoni internazzjoniali oħra b’ritratt ieħor li jġib l-isem “Final Lap”.

Il-Kunsill Lokali Ħamrun jixtieq jawgura lill-Johann għall dan is-suċċess u jawguralu għal-futur.

 


RIŻULTATI EĊĊELLENTI MINN ĦAMRUN TABLE FOOTBALL CLUB FL-EWROPA CUP 2009

Matul tmiem il-ġimgħa ta’ bejn is-7 u t-8 ta’ Novembru, ic-Champjins lokali tat-tejbil futbol Ħamrun Table Football Club irrappreżentaw lil pajjiżna fl-Ewropa Cup li hija l-iktar kompetizzjoni Ewropea prestiġjuża tat-tejbil futbol fuq bażi ta’ klabbs.

Dawn il-kampjonati saru ġewwa Tournai fil-Belġju fejn ipparteċipaw total ta’ 32 tim. L-ewwel fażi intlagħbet fuq bażi ta’ gruppi fejn it-timijiet ġew imqassma f’ erba’ gruppi ta’ tmien timijiet –il wieħed li minnhom l-ewwel erba’ timijiet ta’ kull grupp ikkwalifikaw għat-tieni fazi li intlagħbet fuq bażi ta’ eliminazzjoni diretta. Ħamrun TFC telgħu biex jilgħabu fi Grupp D flimkien ma’ Reggio Emilia (ITA), SMV Delft (NED), Cardiff (WAL), Sparta Spreeathen (GER), SC Rochefort (BEL), Olympia (GRE) and FTC Reincy (FRA).

Fil-logħbiet tal-grupp Ħamrun baqgħu bla telfa fejn rebħu 5 logħbiet u ġew dro 2. L-iktar riżultati notevoli matul din il-fażi kienu r-rebħiet kontra t-tim qawwi Belġjan ta’ SC Rochefort u c-Champjins Olandiżi ta’ SMV Delft u d-dro 1-1 kontra c-Champjins Taljani favoriti għar-rebħ tat-titlu Reggio Emilia li għandhom tlieta minn erba’ 4 plejers irrenkjati fost l-aqwa 10 fid-dinja.

Ħamrun spiċċaw it-tieni fil-grupp u telgħu biex jilgħabu kontra t-tim qawwi ta’ Napoli fil-fażi ta’ eliminazzjoni diretta. F’ din il-logħba Napoli ħarġu rebbieħa 2-0 u komplew għaddejjin sabiex rebħu l-kampjonat f’ finali missielta kontra TFC Mattersburg tal-Awstrija.

It-tim Malti spiċċa fil-11 il-post tal-kompetizzjoni wara li għelbu lil TSC Royal tal-Awstrija u lil Cardiff u tilfu kontra Milano fil-ħin barrani fil-logħbiet deċiżivi għal-klassifika finali. Dan huwa riżultat tajjeb ħafna ghal-klabb tal-Ħamrun li wera titjib konsiderevoli mit-18 il-post miksub fl-2007. It-tim tal-Ħamrun għal din il-kompetizzjoni kien ifformat minn Kenneth Attard, Mario Camilleri, Stefan Pace u Ilai Zammit Marmara’.

Il-Kunsill Lokali Ħamrun jixtieq jifraħ lill-Ħamrun Table Football Club tar-riżultati sbieħ u tajbin li kisbu f’din il-kompettizjoni prestiġjuża tal- Ewropa Cup 2009. Proset Tassew.
 


Seminar Annwali tal- Aikido jattira Partiċipanti Internazzjonali
Il- Pubbliku huwa mistieden

Master Tamburelli fil- Yamato Dojo fl- 2009

Għat-tieni darba din is-sena, l- entużjasti Maltin ta’ l-arti marzjali ser ikollhom l-opportunita` li josservaw master matul sessjonijiet ta’ attivita f’ Malta ma’ studenti Maltin, nhar is–Sibt 21 ta` Novembru fid- 9:00am u il-Ħadd 22 ta` Novembru fid-9:30am.

Sensei (Dr) Renato Tamburelli (5 Dan) ser ikun qed imexxi seminar ta` l- Aikido, avveniment popolari li qed jiġi organizzat mill-klabb tal-Aikido, Yamato Dojo, fil-Ħamrun. Din is–sena, Sensei Tamburelli ser ikun assistit minn diversi studenti avvanzati mit-Turkija u r-Repubblika Ceka, kif ukoll minn numru ta’ studenti ta’ livell avvanzat mill-Yamato Dojo.

Wieħed mill-aktar prattikanti tal-Aikido li għandu fama, Sensei Tamburelli, li jgħix f’Ruma, ser ikun qed imexxi seminar ta’ tlett ijiem bejn l-20 u 22 ta` Novembru, 2009. Dan is-seminar ser jikkonsisti f’ numru ta` sessjonijiet ta` prattika għal membri ta` livell avvanzat, sessjonijiet specjali ddedikati wkoll għal klabb pjuttost ġdid, l- Aikido Yamato Dojo klabb għall- adoloxxenti (etajiet bejn il- 11 u 16-il sena). Master Tamburelli ser ikun preżenti għal sessjoni speċjali fejn numru ta’ studenti ser javvanzaw fil–livell ta’ tagħlim.

Master Renato Tamburelli ilu jipprattika l-Aikido għal aktar minn 35 sena. Huwa tgħallem din l-arti taħt d-direzzjoni ta’ tnejn mill-istudenti tal-fundatur, master Hiroshi Tada Sensei (IX Dan). Lejn l-aħħar tas-snin 80, huwa kien wieħed mill-membri li waqqfu l-assoċjazzjoni AIKO, li llum tinsab taħt id-direzzjoni ta’ Nobuyoshi Tamura Sensei (VIII Dan). Tamburelli sensei huwa l-kap tal- Kummissjoni Teknika Nazzjonali tal-assoċjazzjoni AIKO, li magħha l-Yamato Dojo huwa direttament assoċjat.

Tamburelli sensei għandu wkoll PhD fl-Antropologija.

Din hija it-tielet żjara fil- Aikido Yamato klabb, fejn aktar kmieni dan ix-xahar laqa wkoll Master Taljan minn Genova, Sensei Sergio Benenati (V Dan). Sensei Benenati ħejja ukoll sessjonijiet ta`prattika privati għal membri kollha ta`dan il-klabb.

L-Aikido hija arti marzjali Gappuniza li tiffoka primarjament fuq difiża personali f’ambjent ta’ armonija u spirtu kooperattiv.
Dan is-seminar ser jsir fil- klabb Yamato Dojo li jinsab fl-iskola sekondarja tal-bniet Maria Assumpta fil-Ħamrun. Għal aktar dettalji, wieħed jista jżur is-sit elettroniku www.aikidomalta.net jew iċempel fuq in-numru 9989 9733.

TABLE FOOTBALL

PARTEĊIPAZZJONI TA’ ĦAMRUN TABLE FOOTBALL CLUB
FL-EWROPA CUP 2009

Matul tmiem il-ġimgħa ta’ bejn is-7 u t-8 ta’ Novembru, ic-Champjins lokali tat-tejbil futbol Ħamrun Table Football Club ħa jkunu qed jirrappreżentaw lil pajjiżna fl-Ewropa Cup li hija l-iktar kompetizzjoni Ewropea prestigjuża tat-tejbil futbol fuq bażi ta’ klabbs u li ħa tkun organizzata mill-Federazzjoni Internazzjonali tat-Tejbil Futbol l-FISTF. Ħamrun TFC huma l-howlders attwali tat-titlu nazzjonali tal-klabbs tat-tejbil futbol, titlu li rebħu għall-għaxar darba fl-istorja tagħhom iktar kmieni din is-sena.

L-Ewropa Cup ta’ din is-sena ħa tkun qed tiġi organizzata ġewwa Tournai fil-Belġju fejn total ta’ 32 tim ħa jkunu qed jipparteċipaw. Il-kompetizzjoni ħa tkun maqsuma f’ żewġ fażijiet. L-ewwel fażi ħa tkun fuq bażi ta’ gruppi fejn it-timijiet ħa jkunu maqsuma f’ erba’ gruppi ta’ tmien timijiet –il wieħed li minnhom jikkwalifikaw għat-tieni fażi l-ewwel erba’ timijiet ta’ kull grupp. It-tieni fażi tintlagħab fuq bażi ta’ eliminazzjoni diretta. Il-poloz tal-fazi tal-gruppi mistennija jitilgħu il-Ġimgħa 6 ta’ Novembru.

It-tim tal-Ħamrun għal din il-kompetizzjoni ħa jkun magħmul minn Kenneth Attard, Mario Camilleri, Stefan Pace u Ilai Zammit Marmara’. L-iskwadra ħa titlaq minn Malta fil-5 ta’ Novembru u tirritorna lura Malta it-Tnejn fid-9 ta’ Novembru.

Il-livell ta’ din il-kompetizzjoni huwa mistenni li jkun wieħed għoli ħafna fejn fost il-favoriti għar-rebħ tal-kompetizzjoni hemm it-Taljani ta’ Black & Blue Pisa, ili huma r-rebbieħa tal-aħħar zewg edizzjonijiet, Reggio Emilia u Stella Artois Milano, l-Awstrijaċi ta’ TFC Mattersburg u l-Belgjani ta’ Charleroi.


San Gejtanu

San Gejtanu minn Thiene twieled f’ Ottubru ta’1480. F’dak iż-żmien l-Italja Ċentrali, (għax dak iż-żmien l-Italja kienet magħmula minn ħafna reġjuni) waqgħet f’idejn it-Torok. Biex umbagħad reġgħat intrebħet lura sentejn wara, l-aktar bis-saħħa tal-mewt tas-Sultan Mehmet II, fit-3 ta’ Mejju 1482.

Fiż-żmien li twieled San Gejtanu r-reġjonijiet Taljani kienu ukoll fi gwerra ma’ Spanja. Fl-1482, il-gwerra kienet kważi spiċċat u waqt li t-truppi kienu qed jippreparaw biex jirritornaw lejn pajjiżhom, il-kmandant Gaspare Thiene, missier Gejtanu, intlaqat min balla li kienet mortali u ħalliet lil-San Gejtanu bla missier ftit qabel ma kellu sentejn. Aktar...

Gieħ il-Ħamrun 2009 - is-Sur John Farrugia
Is-Sur John Farrugia magħruf ma’ sħabu bħala “Ganton” twieled il-Ħamrun fl-10 ta’ Frar 1924. Malli spiċċa l-edukazzjoni tiegħu, huwa daħal rekluta mal-Forzi Armati fejn għamel l-ewwel snin tiegħu bħala store officer man-Navy, Army and AirForce Institute (NAAFI). Hawnhekk John kiseb esperjenza vasta fit-tmexxija ta’ taqsima fin-NAAFI.

Din l-esperjenza u s-sens ta’ intraprenditur li kellu flimkien ma’ determinazzjoni wittiet it-triq għall-ewwel negozju tal-familja li waqqaf John, li kien jikkonsisti f’ħanut żgħir tal-grocer fi Triq Villambrosa magħruf bħala “Ta’ Ganton”.

Maż-żmien, il-motivazzjoni ta’ John ikontribwixxit biex huwa jibda negozju ġdid ta’ trasport fejn irnexxielu jimla nuqqas li kien hawn fis-suq billi kien iwassal lin-nies lejn l-Isptar San Luqa u dak Militari tal-Imtarfa. Dan ġieli għamlu wkoll mingħajr ħlas.

Is-servizz effiċjenti kien reklam fih innifsu u John spiċċa popolari ħafna mar-residenti tal-lokal. B’hekk tista tgħid, John ħa l-fama għall-ewwel servizzi ta’ trasport bix-xufier. Il-kumpanija magħrufa bħala John’s Garage evolviet f’soċjeta’ kummerċjali li tipprovdi servizzi ta’ trasport għal tiġijiet, funerali u saħansitra kisbet kuntratti għas-servizzi ta’ trasport għall-gvern, partikularment mad-Diviżjoni tas-Saħħa kif ukoll għat-trasport ta’ uffiċjali oħra.

John kien tabilħaqq sors ewlieni ta’ impjieg għall-ħafna familji, il-parti kbira minnhom mill-Ħamrun. Filfatt il-kumpanija kabbret il-flotta ta’ vetturi bl-aqwa mudelli. Is-servizzi ta’ din il-kumpanija ntużaw għal personalitajiet distinti fosthom il-Papa Ġwanni Pawlu II, Pele, Elton John u l-Presidenti George Bush u Mikael Gorbachev.

Matul dawn il-50 sena ta’ ħidma, John’s Garage stabbilixxa ruħu u kiseb reputazzjoni ta’ livell għoli ta’ servizz u affidibilita’ fejn John dejjem inżamm bi stima għolja partikularment mill-ħafna familji Ħamruniżi li ħadmu miegħu. John jibqa magħruf għall-ispirtu nisrani tiegħu fejn dejjem kien minn ta’ quddiem għall-għajnuna lid-diversi organizzazzjonijiet filantropiċi.

Miżżewweġ lill-Lucia u missier ta’ seba’ subien u erbat ibniet.


Il-Kunsill Lokali Ħamrun jiffirma ftehim ta’ ġemellaġ ma Carpineto Romano fl-Italja

Delegazzjoni mill-Kunsill Lokali Ħamrun, f’ Marzu li għada kif għamlet żjara f’Carpineto Romano fl-Italja fejn ġie ffirmat ftehim ta’ ġemellaġġ bejn dan il-post u l-Ħamrun.

Il-kuntatti bejn il-Ħamrun u Carpineto Romano raħal pittoresk fil-muntanji, sebgħin kilometru barra minn Ruma kienu bdew sitt snin ilu meta assoċjazzjoni minn Carpineto Romano, bl-isem ta’ Villaggio Europa, kienet uriet interess tieħu sehem fi proġett ta’ skambju ta’ zgħażagħ tal-Youth in Action programm tal-Unjoni Ewropea, mal-Kunsill Lokali tal-Ħamrun. F’dan il-proġett kienu ħadu sehem 10 żgħażagħ minn erba’ pajjiżi differenti li kienu kollha pparteċipaw fit-tħejjiet għal festa ta’ San Gejtanu.

Sena wara group ta’ żgħażagħ Ħamruniżi fuq inizjattiva tas-Sur Omar Bugeja, dak iż-żmien kunsillier fil-Kunsill tal-Ħamrun ipparteċipaw fi skambju ieħor f’Carpineto Romano. Fis-snin ta’wara żgħażagħ miż-żewġ ibliet intaqgħu f’diversi skambji permezz tal-Villaggio Ewropa u l’ Hamrun Youth Initiatives Association (HYIA) Dawn il-kuntatti komplew jikbru meta gruppi ta’ Sbandieratori (żgħażagħ li jagħtu wirjiet bil-bnadar) minn Carpineto Romano ġew mistiedna jagħtu wirjiet f’Malta u fil-Ħamrun. F’ Ġunju tal-2006 grupp ta’ Sbandieratori ħadu sehem fil-festi Ċentinarji tal-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu u l-Ħadd ta’ wara ħadu sehem fil-purċissjoni magħrufa tal-Qalb ta’ Gesu fil-Ħamrun. F’okkażjoni oħra fuq inizjattiva tal-Ħamrun Youth Initiatives Association grupp ieħor ta’ Sbandieratori ġew mistiedna jieħdu sehem fl-għeluq snin il-Kumpless ta’ Baystreet.

Dawn il-kuntatti kollha bejn Carpineto Romano u l-Ħamrun waslu biex il-Muniċipju ta’ Carpineto Romano u l-Kunsill Lokali Ħamrun jiftiehmu li jagħmlu ġemellaġġ bejniethom u fil-fatt il-Muniċipju ta’ Carpineto Romano stieden lill Kunsill Lokali Ħamrun biex iżur Carpineto Romano u jiġi ffirmat dan il-ftehim b’mod uffiċċjali u taħt l-awspiċji tal-programmi tal-Unjoni Ewropea. Kif fil-fatt għadu kif sar.

F’Carpineto Romano is-Sindku tal-Kunsill Lokali Ħamrun is-Sur Vincent Bonello u d-delegazzjoni tiegħu ġew milqugħa mis-Sindku Dottor Emilio Cacciotti u l-President tal-Muniċipio Signor Pietro Santucci. Iċ-ċerimonja tal-iffirmar tal-ftehim tal-ġemellaġġ saret fis-Sala tal-Muniċipju u għaliha attendew membri tal-Muniċipju u rappreżentanti ta’ Għaqdiet tal-lokal.

UE
Il-Kunsill Lokali Ħamrun għadu kemm ibbenifika min Proġett ta’ EVS, fejn għal sitt xhur sħaħ kellna voluntiera min-Spanja taħdem fil-lokalita tagħna b’mod volontarju. Ix-xogħol ta’ Joani Alcaraz llabres kien li tgħin fix-xogħol tal-librerija fil-Ħamrun u tqajjem kuxjenza akbar fostna favur il-qari.

Xogħol ieħor li wettqet kien li tattendi f’żewġ skejjel fil-Ħamrun biex tgħin l-istudenti u tgħin fl-attivitajiet tal-Kunsill. B’inizjattiva personali waqfet ukoll club għal dawk li jħobbu jaqraw kif ukoll b’kuntatti li kella ma librerija minn ġewwa pajjiżha ġabet ammont sabiħ ta’ kotba interessanti b’xejn biex jitgawdew fil-librerija tagħna.


Librerija

Il-Kunsill Lokali Ħamrun jemmen bis-sħiħ fil-qari. Għal dan il-għan, wieħed mill-proġetti importanti li għamel l-Kunsill hu li tinfetaħ librerija fil-Ħamrun.. Il-Librerija tinsab ħdejn l-entratura ta’ l-iskola Primarja Dun Ġorġ Preca.


Sabiex ir-residenti Ħamruniżi jkollhom servizz aħjar, għadhom kif inbidlu il-ħinijiet tal-ftuħ tal-Librerija tal-Ħamrun.

Il-ħinijiet il-ġodda huma:

Tnejn 9:00am sa 2:00am
Tlieta 9:00am sa 2:00am
Erbgħa 1:00pm sa 4:00pm
Ħamis 9:00am sa 2:00am
Ġimgħa ma tiftaħx
Sibt 10:00am sa 1:00pm



Nixtiequ ninformaw il-pubbliku ukoll li għadu kemm ġie imwaqqaf il-klabb tal-membri tal-librerija. Dan bl-għan li nkomplu nkabbru l-kuxjenza favur il-qari, nagħtu dettalji tal-kotba li hemm fil-librerija u ta’ dawk ġodda u informazzjoni oħra.

Il-Kunsill Lokali Ħamrun iħeġġeġ ir-residenti Ħamruniżi biex jagħmlu użu minn dan is-servizz.
 

Wirja ‘Ħidmet il-Ħamruniż’
DSCF0027_edited.jpg (423490 bytes)Il-wirja ‘Ħidmet il-Ħamruniż’ mtella’ mill-Kunsill Lokali Ħamrun nuru fiha’ l-ħiliet ta’ ħutna il-Ħamruniżi f’dak li hu xogħol ta’ l-idejn u passatempi oħra. Din il-wirja saret sinomina ma’ l-attivitajiet li jiġu mtella ta’ kull sena fl-okkazzjoni ta’ Jum il-Ħamrun.

Sena wara oħra, u din hi ir-raba’ sena, fejn din il-wirja kompliet tikber u tissaħħaħ biex din is-sena laħqet il-kulmu tagħha bix-xogħol dedikat li jsir mill-Kunsilliera Carmen Borg u sotto kumitat tagħha.

Il-poplu Ħamruniż, għandu talent kbir, għalhekk għandu ħafna x’joffri. Dan jidher meta nżuru lill-familji f’darhom, għax kulħadd ikun jixtieq juri x’kapaċi jagħmel. Aktar >>

Fittex fis-Sit
 
.

Attivitajiet tal-Kunsill:

> Avviz

Il-kunsill lokali ħamrun jixtieq javża li persuni mhux residenti tal-ħamrun li jipparkjaw f’ “żoni ta’ parkeġġ limitat bil-ħin” indikati fit-toroq b’tabelli, għandhom jużaw l-arloġġi tal-ħin.

> Tim tal-futbol

Qed issir sejħa għal dawk kollha li jixtiequ jingħaqdu mat-tim tal-futbol tal-Kunsill Lokali Ħamrun. Il-Kunsill tal-Ħamrun jieħu sehem f’diversi tournaments tal-futbol li jsiru kemm mil-għaqdiet tal-lokal tagħna kif ukoll minn Kunsilli Lokali oħra. Għalhekk dawk kollha interessati li huma mill-Ħamrun u li jixtiequ jagħmlu parti mit-tim tagħna għandhom jaghtu id-dettalji tagħhom lill-Kunsill jew jibgħatu sms fuq 79592946.

Arkivju >>

.

kunsill hamrun  fc.jpg (1081323 bytes)

.
Kummenti u Suġġerimenti
Ibgħat il-kummenti u is-suggerimenti tiegħek lill-Kunsill Lokali Ħamrun
Agħfas hawn >>
.
Talenti u Passatempi
Informa lill-Kunsill Lokali Ħamrun bit-talent jew passatemp tiegħek
Agħfas hawn >>
.
   
Ċaħħad  |  Drittijiet ta` l-Awtur  |  Privatezza  |  Accessibilita  |  Kuntatt
http://www.gov.mt