Dħul  |  Il-Ħamrun  |  Il-Kunsill  Siti Oħra  |  Kuntatt
.
 Sezzjonijiet Oħra
 > Membri tal-Kunsill
 > Ufficcju Amministrattiv
 > Kunsilli Preċedenti
 > Proġetti mill-Kunsill
 > Telefons dwar Rapporti
Minn Dr Paula Mifsud Bonnici
mifbon@maltanet.net

Aktar għajnuna diretta lill-kunsilli lokali

Kemm nieħu pjaċir meta naqra u nisma’ fl-aħbarijiet illi l-Gvern qed ikompli jirrikonoxxi kemm il-kunsilli lokali huma bżonnjużi u indispensabbli fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna u dan billi ikompli jagħti aktar u aktar għajnuna lill-kunsilli lokali sabiex ikunu jistgħu jtejbu il-kwalita’ tal-ħajja tagħna. Permezz ta’ dan il-fuljett u permezz tal-kitbiet tiegħi, nieħu pjaċir illi filwaqt illi nżommukom infurmati b’dak kollu li jkun qed isir mill-Kunsill Lokali Ħamrun u x’inhuma l-proġetti tagħna, nagħtukom ukoll informazzjoni dwar dak li jkun qed jiġri fil-pajjiż kollha f’dak li jirrigwarda l-kunsilli lokali u l-komunitajiet tagħhom.

Dan l-aħħar il-Gvern reġa’ ħabbar għajnuna diretta ta’ €250,000 lil 15-il kunsill lokali f’Malta u f’Għawdex din id-darba lil kunsilli lokali żgħar b’popolazzjoni ta’ inqas minn 5,000 ruħ. Żgur li l-iskop wara din l-iskema ta’ għajnuna hu li dawn il-kunsilli jkunu megħjuna biex iwettqu proġetti li minħabba ċ-ċokon tagħhom ikun diffiċli li dawn jitwettqu; proġetti li jvarjaw minn proġetti ta’ restawr, ġonna, proġetti komunitarji, proġetti li l-inizjattivi tagħhom ikunu ġejjin direttament mill-kunsilli lokali.

Wieħed ma jistax ma jsemmix id-diversi attivitajiet li qed jittellgħu matul is-sena kollha mid-diversi kunsilli lokali u dan taħt l-iskema Attivitajiet Kulturali ko-fininzjata mis-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali u mill-MTA. Dawn l-attivitajiet, filwaqt illi jippromwovu l-identita’ tal-lokal, qegħdin jintlaqgħu b’mod pożittiv kemm mill-Maltin kif ukoll mit-turisti li jżuru dawn il-lokalitajiet waqt li jkunu f’pajjiżna. Bla dubju, ic-Chocolate Festival li sar f’Ottubru li għadda ġewwa l-Ħamrun kien suċċess u ntlaqa’ tajjeb kemm mill-Ħamruniżi kif ukoll minn kull min żar attenda l-attivita’. Nassigurakom illi dan il-festival ser jibqa’ fil-kalendarju annwali tal-kunsill u din is-sena ser ikun aħjar bl-attrazzjonijiet ikunu ferm akbar.

Ħaġa oħra li laqtitni kienet illi ġie krejat fond ieħor speċjali għal dawk il-kunsilli lokali li għandhom ħtiġijiet speċjali minħabba t-tip ta’ attivitaijiet nazzjonali li jsiru fil-lokalitjiet tagħhom. Nieħdu, per eżempju, il-Belt Valletta, minkejja li l-popolazzjoni ġewwa l-Belt tlaħħaq biss is-7,000 ruħ, jidħlu fiha madwar 50,000 persuna. Allura l-Gvern ħaseb sabiex jagħtihom aktar għajnuna finanzjarja biex jgħinhom. Hekk iridu nagħmlu ġewwa l-Ħamrun għaliex l-istess, għalkemm il-popolazzjoni tal-Ħamrun niżlet għal taħt l-10,000 ruħ, l-ammont ta’ nies li jżuru l-Ħamrun huwa ferm akbar u għalhekk il-ħtiġijiet tal-lokali huwa ferm akbar. Aħna, bħala kunsill, rridu nieħdu u naħtfu dawn l-opportunitajiet li għandna għad-disposizzjoni tagħna, biex b’hekk ikunu nistgħu nagħmlu l-Ħamrun tagħna ferm isbaħ milli hu u r-residenti tagħna jkunu moqdija aħjar.

Ma nistax ma nikkonkludix dan l-artiklu tiegħi billi ma nagħmilx referenza għall-festi ġewwa l-Ħamrun. Nixtieq nifraħ lill-Parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni, l-Għaqda Mużikali, il-Grupp Armar Festa u Għaqda Dilettanti tan-Nar għall-mod ta’ kif il-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni kienet organizzata u kif din il-festa kienet verament festa ta’ għaqda u ferħ. Prosit lil kulħadd! Waslet ukoll il-festa ta’ San Gejtanu. Żgur li l-festa ta’ San Gejtanu ma tissemmix għall-logħob ta’ nar jew għal xi kaxxa infernali madankollu jirnexxielha kull sena tattira eluf kbar ta’ nies. F’dawn il-ġranet, il-kunsill lokali tal-Ħamrun ikun impenjat flimkien mal-Kappillan, iż-żewġ Soċjetajiet Mużikali, il-Pulizija u tant u tant nies oħra sabiex naraw illi kollox jimxi sew u li l-festa tkun waħda ta’ suċċess. Filwaqt li nawgura l-festa t-tajba lil kulħadd, j’Alla illi l-ispirtu reliġjuż jibqa’ jipprevali fuq kollox għaliex huwa biss b’dan l-ispirtu illi verament wieħed ikun jista’ jgawdi l-festa tal-patrun tiegħu bl-aktar mod dinjuż imżewqa bil-briju tal-marċi sbieħ li tant u tant jafu janimaw din il-festa.

 
Ċaħħad  |  Drittijiet ta` l-Awtur  |  Privatezza  |  Accessibilita  |  Kuntatt
http://www.gov.mt